Home

Ghajnsielem.com

 
     
.
  NEWS HISTORY EVENTS MULTIMEDIA ADMINISTRATION THE BAND SCHOOL OF MUSIC CONTACT  
   
 

 


 

L-ARKIVJU MUŻIKALI
Minn Ħolma għal Realta

 

Video

 

Artiklu

Kull azzjoni fil-preżent, l-għada tkun att fl-istorja. It-tmexxija hija għodda li bħal kull għodda oħra tista tiġi wżata tajjeb u sservi għall-ġid, inkella taf tiġi abbużata u wżata b’mod malinn. Huwa sta għall-bniedem li jagħraf jieħu ħsieb l-azzjonijiet tiegħu fil-preżent sabiex jassigura post mogħni fl-istorja tal-futur. Dan kollu japplika f’kull faxxa tas-soċjeta` ċivili, minn tmexxija ta’ pajjż għal tmexxija ta’ lokalita`, minn tmexxija ta’ kumpaniji kbar għal tmexxija ta’ għaqdiet żgħar. Ilkoll suġġetti għall-paġni tal-istorja.

Ċertament li l-Għaqda tal-Mużika tagħna mhix eċċezzjoni. Hija għaqda bl-istorja tagħha, storja antika u prestiġjuża li taf il-bidu tagħha fl-ewwel snin tas-seklu l-ieħor minn bniedem ta’ importanza nazzjonali. Storja dokumentata jew fil-memorji u storja li tibqa tinkiteb ma kull minuta li tgħaddi. X’ser ikunu l-paġni fl-istorja tal-Għaqda tagħna għada, jiddependi fuq x’qegħdin nagħmlu aħna llum. Id-destin jinsab f’idejn il-bniedem u l-ħsad jasal miż-żerriegħa li tinżera fil-preżent. 

Il-proġett tal-Arkivju Mużikali li qegħdin ninawguraw, ma jafx il-bidu tiegħu llum. Il-bidu ta’ dan il-proġett imur lura eżattament lejn il-bidu ta’ amministrazzjoni ġdida li l-membri u l-bandisti tal-Għaqda Mużikali San Gużepp ħatru f’Marzu tal-2006. Kien proġett li kienu ilu jberren f’moħħ id-Direttur tal-Każin Pawlu Azzopardi għal snin twal u li fl-aħħar sab dak li kellu bżonn: appoġġ u determinazzjoni mill-membri l-ġodda tal-Kumitat.  Fil-bidu ġiet diskussa l-idea speċifika ta’ arkivju għaż-żamma tal-mużika u dokumenti antiki, iżda wara ftit din l-idea kibret u magħha ġabet rinovazzjoni totali tad-dar tal-Banda. Rinovazzjoni mhux biss fl-arkitettura u kostruzzjoni, iżda rinovazzjoni fl-ideat, fil-mod ta’ kif l-Għaqda kienet topera sa dakinhar. Minn sempliċiment arkivju għaż-żamma tad-dokumenti, morna għal proġett akbar fejn permezz ta’ dan ix-xogħol aħna ridna bidla fil-kultura, fil-metalita`, fil-mod ta’ kif inħarsu lejn l-Banda u d-dar tagħha u fil-mod ta’ kif titmexxa din l-Għaqda tagħna.
 

 

Mibnija fuq dan il-ħsieb, l-għażla tal-Kumitat Eżekuttiv lura għas-sajf tal-2006 bl-ebda mod ma kienet tippermeti xi forma ta’ dilentantiżmu. Sfortunatament fil-lokalita` tagħna saru diversi opri, li fil-ħsieb kienu tajbin, iżda l-eżekuzzjoni tagħhom ma tantx laħqet l-aspetattiva. Diffiċli tagħti spjegazzjoni ta x’inhi l-arti, iżda l-arti hija espressjoni viżiva tar-ruħ. Tapplika għar-ruħ ta’ bniedem jew ruħ ta’ familja. Tapplika wkoll għar-ruħ ta’ fratellanza, għaqda jew soċjeta`. Tapplika wkoll għar-ruħ ta’ reġjun jew pajjiż. L-istili u l-kumplessita` tal-arti jirreflettu ż-żmien u l-ambjent li fih tiġi esegwita’. Hekk per eżempju żminijiet ta’ ġid u prosperita` jiġu riflessi fl-arti b’eżekuzzjonijiet grandjużi u b’ħafna movimenti elaborati. Il-materjal użat ukoll jirrifletti dan. Minn diversi tipi ta’ injam, għall-irħam, bronż, fidda jew deheb, dawn jirreflettu l-pożizzjoni tal-artist jew ta’ min qiegħed jikkomissjona l-arti fil-mument tal-eżekuzzjoni.  Minn dawn il-ħsibijiet, tpoġġew l-ewwel passi fil-pedament ta’ dan il-proġett. Id-deċiżjoni tal-Kumitat kienet li mmorru għal arkivju barokk maħdum fuq tradizzjonijiet ta’ karpenterija Maltija, mogħtija lilna mill-Kavallieri Ewropej.

Bħal kull proġett ieħor, l-ewwel deċiżjoni tal-Kumitat riedet tkun rigward diżinjatur li mhux biss kellu joħrog id-disinn, iżda ried isegwi x-xogħol kollu u jwasslu sat-tmiem. Il-festa Maltija hija vetrina tal-arti dekorativa, minn pedestali u bankuni għall-bandalori, rakkmu u pavaljuni. Fost artisti oħra magħrufa, fis-sajf tal-2006 kellna lil Silvio Pace mill-Belt ta’ Pinto li kien qiegħed jiġi mfittex ħafna għad-disinji u xogħol fil-barokk. Din ma kinetx l-ewwel darba li l-Banda tagħna giet f’kuntatt ma Silvio Pace. Filfatt kien l-istess Pace li fis-sena 1994 għamel id-disinn għal arma ġdida tas-Soċjeta`, fiż-żmien meta l-Banda kienet għaddeja bi proġett kbir dak ta’ standard ġdid irrakkmat bid-deheb. Xogħol ieħor li għamel Pace f’Għajnsielem huwa fl-armar tal-festa. Filfatt insibu numru ta’ disinji għall-pavaljuni u bandalori li jġibu l-firma tiegħu. Ix-xogħol fil-barokk ta’ Silvio Pace kien fost il-favoriti tal-Kumitat Eżekuttiv u għalhekk fis-sajf tal-2006 huwa ġie mistieden ġewwa l-każin sabiex flimkien nagħtu bidu għal din il-mixja twila li kellna quddiemna.

Wara ftit taż-żmien u studju, Pace ppreżenta l-ewwel ħsibijiet tiegħu għal dan ix-xogħol. Wieħed irid josserva li kienet sfida għal Silvio Pace biex joħrog b’dan id-disinn peress li kienet prattikament l-ewwel darba għalih li kien qiegħed jaħdem fuq din l-iskala. L-Arkivju kellu jokkupa l-parti l-kbira tal-ħajt li għandna faċċatta tal-bieb fis-sala tal-kumitat. Dan ifisser li din l-għamara fl-injam, kellha tkun ta’ dimensjoni kemmxejn kbira, b’tul ta’ għoxrin pied u għoli ta’ tnax-il pied.  Wara diskussjoni qasira, Silvio Pace issottometta d-disinn finali, liema disinn ġie approvat mill-Kumitat Eżekuttiv fi Frar tal-2007. Dan id-disinn ġie ppreżentat fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Marzu 2007 fejn fl-istess laqgħa, il-membri u bandisti approvaw b’mod unanimu dan il-proġett. Id-disinn kien jikkonsisti f’għamara bi tlett partijiet, dik tan-nofs tkun ogħla mit-tnejn tal-ġnub u bl-iskultura li tibda b’mod sempliċi fil-parti t’isfel u tkompli żżid fil-grandjożita` tagħha sakemm tilħaq l-arma tan-nofs li tinkuruna din l-għamara. Fid-disinn idaħħlet ħafna l-warda li bħala l-isbaħ fjura iżda li fiha x-xewk, tirrapreżenta l-mumenti mill-aktar sbieħ iżda wkoll diffiċli tas-Soċjeta` Mużikali tagħna. L-arpa flimkien mal-fanfara jibqgħu s-simboli klassiċi tal-mużika, mogħnijijn b’kuruna tar-rand li tirrapreżenta l-kisbiet li għamlet is-Soċjeta` tagħna tul iż-żmien. F’dan id-disinn tal-Arkviju għall-Banda Għajnselmiża, Silvio Pace rnexilu wkoll jagħmel xi ħaga unika fost l-arkivji li nsibu f’Malta. Għall-ewwel darba, l-iskultura proposta ma kinetx se tkun esklussivament għal fuq l-injam, panewijiet u gwarniċ, iżda wkoll għamel disinn sabiex ikollna skultura li titpoġġa fuq il-ħġieġ tal-bieba tan-nofs tal-Arkivju. Din kienet idea oriġinali tassew li ġiet aċċettata mill-Kumitat immedjatament u li tkompli tagħmel dan l-Arkivju wieħed uniku.
 

Ir-Renovazzjoni tal-Kamra tal-Kumitat

Il-ħsieb oriġinali kien li nagħmlu biss l-Arkivju u npoġġuh fil-kamra li sabet l-amministrazzjoni ġdida fl-2006. Iżda wara diversi konsultazzjonijiet, ħie deċiż li dan l-istess Arkivju jixraqlu post ferm aktar prestiġjuż. Sabiex ma npoġġux piż finanzjarju fuq il-Banda u sabiex ix-xogħol li jsir ikun ta' l-għola kwalita’, ġie deċiż li x-xogħol tar-renovazzjoni jinqasam fuq erba' snin. Id-disinn tal-kamra sar mill-famuż disinjatur Richard Young li sfortunatament ħalla din id-dinja ftit tax-xhur ilu. Il-viżjoni tal-Kumitat preżenti flimkien mas-suġġerimenti u l-idejat ta’ Richard Young issarrfu f’kamra l-ġmiel tagħha li tagħmel unur lill-Każin tagħna.

Kif wieħed jidħol fil-kamra mill-ewwel ser iħares lejn suffitt il-ġmiel tiegħu, xogħol bl-injam tal-kewba prima. Il-ħitan ukoll inksew bil-panewi tal-kewba u b'wallpaper rikka kulur id-deheb. Jikkumplimenta s-saqaf u l-ħajt hemm sett linef u brazzi tal-bronż. Faċċata ta’ fejn ser jitpoġġa l-Arkivju Mużikali nħadmet unit li ser tesebixxi t-trofej li l-Banda tagħna rċiviet matul iż-żminijiet kif ukoll strumenti antiki. Ix-xogħol tal-injam sar kollu minn Christopher Mifsud. L-art hija tal-irħam impurtat apposta mill-Italja u li jintuża fl-aqwa Knejjes li hemm fl-Italja stess. Mal-ħajt wieħed jsib ukoll tnax-il frame u li fihom ser jitpoġġew sensiela ta’ ritratti li juru l-istorja tal-Banda tagħna fl-aqwa mumenti tal-istorja. Fuq in-naħa ta’ fuq tal-ħajt ser jitpoġġew l-inkwadri tal-Presidenti u Surmastrijiet. F'nofshom wieħed isib hemm arloġġ tradizzjonali Malti indurat bid-deheb bl-arma antika t'Għajnsielem impittra fuqu, xogħol ta' Rudolph Cauchi. Fil-ġnub tal-Arkivju wieħed isib żewġ inkwadri, wieħed tal-Madonna ta’ Loretu u l-ieħor ta' San Ġużepp. Dawn il-pitturi saru mill-artist lokali Vince Caruana.

Tajjeb wieħed isemmi li sar bosta xogħol ieħor intensiv f'din il-kamra fosthom il-bini ta' partition wall sabiex tiġi ikkrejata simetrija madwar l-Arkivju Mużikali (li wara kollox huwa l-attrazzjoni ewlenija ta' din il-kamra), sar l-insulation, membrane u kontrabejt sabiexl-għamara tiġi protetta mis-sħana tas-sajf, is-servizzi tad-dawl ġew mgħoddija mill-ġdid filwaqt li tpoġġew ukoll numru ta' fire extinguishers u CCTV cameras. Ħafna mix-xogħol sar mill-volontarjat pero ringrazzjament speċjali jmur għad-direttur tal-Każin Pawlu Azzopardi li ħadem ġafna sabiex jara il-ħolma tieġu issir realta. Miegħu kellu nhumru ta' voluntiera fosthom Loretu Zerafa u Fredu Xuereb, Kelinu Azzopardi u Peppi Grima. Is-servizz tad-dawl sar mill-bandist Loreto Vassallo.

Din il-kamra llum hija lesta minn kollox sabiex issa din issarfet f’sala l-ġmiel tagħha li tagħmel unur mhux biss lill-Każin tagħna iżda gieħ lil Għajnsielem.

Wara li dan id-disinn ġie approvat mill-Kumitat, membri u bandisti, kien imiss issa li jibda l-proċess attwali għat-twettiq ta’ din il-ħolma. B’deċiżjoni għaqlija, il-Kumitat kien ħareġ sejħa għall-offerti sabiex għal dan ix-xogħol, joffri opportunita` lil kulħadd. F’dan il-proċess, kien hemm offerta waħda biss li ġiet sottometta, dik ta’ Joseph Tabone minn Għajnsielem. Tabone mhux ġdid fejn tidħol għamara pubblika għax fil-Knisja Arċipretali tagħna hemm xi opri maħduma minnu, ewlenin fosthom il-bibien tan-niċċeċ u l-ambone fil-kewba. Il-Kumitat aċċetta l-offerta ta’ Tabone u b’hekk inħatar il-mastrudaxxa ta’ din l-opra. Kien imiss issa li ssir l-għażla kruċjali għall-iskultur. Hawn wieħed irid jistqarr li din kienet parti diffiċli fil-proċess tal-Arkivju. F’Malta, din is-sengħa naqset ħafna u ma tantx fadal min għadu jnaqqax fl-injam. Agħar minn hekk il-limitazzjonijiet fl-għażla awtomatikament fissret limitazzjonijiet fil-kwalita`. Mill-ewwel ġurnata ta’ dan il-proġett, il-Kumitat kien insista li l-kwalita` tax-xogħol għandha dejjem tiġi l-ewwel u qabel kollox. F’diskussjoni li kellna mad-disinjatur Silvio Pace, ġie maqbul li l-iskultur għandu jintgħażel minn Pace stess. Kien hemm diversi raġunijiet wara din id-deċiżjoni, l-aktar waħda fundamentali tkun li d-diżinjatur ried li jkun konvint li l-iskultur ser ikun kapaċi joħroġ id-disinn tiegħu mnaqqax fl-injam.

Wara ftit stħarrig, Silvio Pace ippropona lil Lawrence Grima mill-Parroċċa ta’ San Bastjan, Ħal Qormi bħala l-iskultur tal-Arkivju. Lawrence Grima qatt ma kellu relazzjoni mal-Banda tagħna San Ġużepp, anzi fil-verita` qatt ma kellu relazzjoni ma’ Għawdex għax kien għadu qatt ma ħadem xogħol għal xi post f’Għawdex. Għall-kuntrarju, Silvio Pace kien jafu tajjeb lil Lawrence Grima u l-familja tiegħu. Fil-passat kien ħadem diversi proġetti ta’ Pace għal numru ta’festi u parroċċi. Kien konvint li Grima kien skultur b’talent u biżżejjed esperjenza sabiex joħrog id-disinn mirqum li kien għamel.  Il-Kumitat kien aċċetta r-rakomandazzjoni ta’ Silvio Pace u b’hekk fis-sajf tal-2007 saret l-ewwel laqgħa bejn il-partijiet kollha li kellhom ikunu involuti f’dan il-proġett: il-Kumitat, Diżinjatur, Mastrudaxxa u Skultur. F’din il-laqgħa kienet ittieħdet id-deċiżjoni li kuntrarju għall-maġġoranza tal-arkivji f’Malta, dan tagħna kellu jinħadem b’żewġ kwalitajiet ta injam: kewba u skultura tal-gewż. Il-kulur naturali ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ injam mhux biss kien ser joħloq kuntrast iżda fuq kollox kien ser jippermetti l-iskultura titgawda aktar.  Il-kewba kellha tkun tat-tip brażiljana, mfittxija ħafna għas-sbuħija tagħha, li pero ilha nieqsa mid-dinja kważi għoxrin sena u għalhekk il-prezz tagħha huwa fost l-aktar għoli fis-suq. Din l-għażla kellha tirrifletti l-ambizzjoni tal-Kumitat li jmur għall-isbaħ u l-aħjar sabiex ir-ruħ tas-Soċjeta` tkun riflessa fil-ġid u prosperita`.
 

 

Il-ħsieb oriġinali tal-Kumitat kien li dan l-Arkivju kellu jkun lest sal-festa tal-2008 meta l-Banda kellha tiċċelebra it-tmenin anniversarju mit-twelid tagħha. Meta nħarsu lura nindunaw kemm dan il-ħsieb kien żbaljat għax l-ammont ta’ xogħol li kellu bżonn isir kien ferm u ferm aktar minn sempliċi tnax il-xahar. Wara proċess kemmxejn twil ta’ tfassil li sar bl-għajnuna tal-mastrudaxxa John Apap mix-Xewkija, f’Marzu tal-2007 Joseph Tabone beda x-xogħol fl-injam naturalment mill-pedament tiegħu ‘l fuq. Ix-xogħol fl-injam ħa ftit aktar milli kien previst u dan ġie konkluż ftit wara l-Milied tal-2007. Saru ċertu modifikazzjonijiet mid-disinn sabiex ix-xogħol joħrog aħjar fosthom li l-ixkaffef ikunu kollha f’livell wieħed. Malli tlesta dan ix-xogħol, Lawrence Grima beda jipprepara sabiex jibda l-proċess fl-iskultura. Mill-ewwel deher ċar li ma kinitx ser tkun ħaġa faċli jew ta’ ftit żmien. L-idea li dan l-Arkivju jkun fostna għall-festa tat-tmenin anniversarju malajr sfat abbandunata. L-arti mhix marbuta mal-ħin u ma għanda qatt tkun issaggrifikata u iddettata li titlesta f’ċertu ħin stipulat. L-arti titlob li tieħu l-kors tagħha u l-artist għandu jkun komdu li jagħmel dan. Din hi regola mwielda fil-perjodu rinaximentali, li artist jagħtik xogħol aħjar meta jkun komdu u trankwill. Għalkemm għal xi żmien fil-bottegga ta’ Grima ma kien jidher li qed iseħħ xejn konkertament, f’moħħu kien għaddej studju sħiħ dwar kif kien ser iwettaq l-eżekuzzjoni tiegħu. Kien importanti li l-Kumitat iħalli l-iskultur f’ċerta liberta` sabiex anki fejn jixtieq, ikun jista jesprimi l-kapaċitajiet fit-talent tiegħu. Il-poplu Għajnselmiż kellu l-opportunita` jara ftit mix-xogħol ta’ Lawrence Grima meta għall-festa tal-2008, inġabet ġewwa l-każin ftit mill-iskultura li huwa kien għamel tul is-snin u li żammhom bħala parti mill-kollezzjoni privata tiegħu.
 

 

Meta tlesta x-xogħol fl-injam tal-Arkivju, Lawrence Grima ħass il-bżonn li ċerta partijiet tal-iskultura, kellhom jinbidlu u jsiru akbar u aktar elaborati sabiex ikunu f’proporzjon għall-kobor tal-Arkivju. Wara konsultazzjoni profonda mad-disinjatur Silvio Pace, il-Kumitat qabel li dawn it-tibdiliet kellhom iseħħu u filfatt hekk ġara. F’Marzu tal-2009, Lawrence Grima ta l-ewwel daqqa ta’ mazza u beda x-xogħol fuq l-ornat tan-naħa t’isfel tal-panewijiet. Wara dan, f’Lulju tal-2009 beda x-xogħol fuq l-ornat ta’ nofs il-panewijiet. Ix-xogħol fuqhom baqa sejjer sal-bidu tax-xitwa, meta dawn tlestew minn kollox. Wara waqfa qasira, Lawrence Grima kompla għaddej bl-eżekuzzjoni tiegħu. Huwa beda jaħdem l-iskultura li kellha tiġi fuq il-ħġieġa tal-bieba ta’ nofs l-Arkivju. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar bdejna naraw lil Grima jirfina fix-xogħol tiegħu u jdur lura għax-xogħol li kien għamel qabel u jkompli jżidu u jsebbħu sabiex verament jagħtina l-aħjar arti li t-talent tiegħu kapaċi joffri. Naturalment dan ix-xogħol kien jirrekjedi ħafna ħin u dedikazzjoni għall-ixkatlar. Dan il-proċess hu importanti kważi kważi daqs l-iskultura nnifisha għax hu l-ixkatlar li fl-aħħar mill-aħħar jagħti dik id-dehra finali u kompluta. Dan ix-xogħol kien lest eżatt qabel l-festa tal-2010, fejn għall-ewwel darba ġie espost għall-ammirazzjoni tal-pubbliku Għajnselmiż f’dik l-istess festa, f’wirja apposta ġewwa s-Sala tal-Kumitat. Din il-wirja kienet timmarka t-tmiem tal-ewwel parti f’dan ix-xogħol.

F’dan il-perjodu wkoll kienet għaddejja ħidma paralleli fuq parti fundamentali mill-Arkivju: il-kotba li fihom kellha tinġabar il-mużika. Katalista` f’dan ix-xogħol kien Anthony Galea, bandist u għalliem tal-aljievi tagħna. Galea offra servizz indispensabli lill-Banda tiegħu, meta huwa għamel mingħajr interessi ta’ xejn, ‘l fuq minn mitejn u ħamsin box file tal-injam. Dawn il-box files kienu jirrikjedu ċertu xogħol li ma jsirx kif ġieb u laħaq, speċjalment il-faċċatta tagħhom li fi spazju relattivament żgħir, Anthony Galea kellu joħroġ nofs tond sabiex dawn ikollhom l-astettika tal-għola kwalita`. Meta tlesta dan ix-xogħol tal-injam, ittieħdu tad-Dbieġi, l-Għarb, fejn b’abilta` Mary Debono flimkien mal-familja tagħha mill-kumpanija “The Leather House” ksew dawn il-box files bil-ġild, kulur blu li huwa l-kulur tas-Soċjeta` tagħna, u bl-arma tal-Banda flimkien man-numru rispettiv stampati fil-faċċata. Dawn, minnhom infushom, huma wkoll opra ta’ arti.

It-tieni parti tax-xogħol kienet il-parti l-aktar diffiċli minn dan il-proċess kollu. Din il-parti kienet tikkonsisti fl-iskultura li kellha ssir in-naħa ta’ fuq kollu tal-Arkivju jiġifieri it-tul kollu t’għoxrin pied. Anki meta wieħed jikkunsidra l-fatt li riedet titnaqqas għoxrin pied skultura wkoll wieħed jaħbat jaqta qalbu. Fuq kollox il-parti tan-nofs riedet tinkuruna dan ix-xogħol kollu u allura waħedha, din il-parti kellha bżonn il-ħin ta’ studju u d-dedikazzjoni għaliha. Mill-banda l-oħra, l-aspettattiva tal-poplu Għajnselmiż bdiet dejjem tikber. Anki f’Malta, dan l-Arkivju beda jagħmel isem avolja ix-xogħol kien għadu nofs triq. F’waħda mill-attivitajiet tar-Rebbiegħa li jinżammu ġewwa Ħal Qormi, Silvio Pace kien intalab sabiex itella wirja bix-xogħolijiet tiegħu ġewwa l-kappella ta’ San Frangisk f’Ħal Qormi stess. Dan il-festival tar-Rebbiegħa kien attira ħafna nies, li daħlu jaraw din l-wirja. Silvio Pace kien talab lill-Kumitat Eżekuttiv sabiex jesebixxi d-disinn tiegħu għall-Arkivju Mużikali t’Għajnsielem flimkien ma parti mill-iskultura ta’ Lawrence Grima. Il-Kumitat ukoll kien żar din il-wirja u kien ħa rispons mill-aktar straordinarju mill-Maltin li kienu preżenti. Min dakinnhar il quddiem, il-bottegga ta’ Lawrence Grima beda jkollha żjarat ta’ kull ġimgħa minn dilettanti u diriġenti ta’ baned ewlenin f’Malta sabiex jammiraw dan ix-xogħol. F’ħafna mill-każijiet, huma għamlu kuntatt mal-Kumitat u mar-raħal tagħna fejn ġew jaraw il-festa u l-każin: il-post fejn dan l-Arkivju eventwalment kellu jitpoġġa.
 

 

Kemm allura kienet għaqlija d-deċiżjoni tal-Kumitat li wasslet sabiex ikollna rinovazzjoni totali tas-sede tal-Banda! Ma kienx ikun xieraq li Arkivju ta’ din l-kwalita` jitqiegħed f’sala fqajra bħal dik li kellna qabel. Anzi bil-kuntrarju, ċ-ċelebrita` fl-arti tal-Arkivju riedet tiġi ikkumplimentata bil-lussu tas-sala li aħna ipproġettajna sitt snin ilu u li llum hija kważi lesta minn kollox. Kienet għaqlija d-deċiżjoni tal-Kumitat ukoll li jagħmel rinovazzjoni tas-sala prinċipali biex b’hekk ikollu fejn jospitta gruppi ta’ viżitaturi, bħal ma kellna per eżempju f’April tal-2012 meta grupp sabiħ mill-Banda Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba ġew sabiex jaraw id-dar tal-Banda tagħna. Fuq fomm dawk li żaruna kelma waħda kienet teżisti: l-Arkivju. F’hiex kien wasal? Meta se narawh?

Wara l-festa tal-2010, bdew il-preparamenti sabiex tibda tigi skoplita l-parti ta’ fuq tal-Arkivju. Wara waqfa qasira ta’ mistrieħ, l-iskultur Lawrence Grima beda jaħdem fuq l-ewwel sett li kienu żewġ oramenti ta’ fuq il-bibien tal-ġnub. Dawn kellhom il-parti t’isfel tagħhom li kienet tinżel u ddur għall-fuq il-gwarniċ. Kien ta’ pjaċir għalina li segwejna dan il-proċess li tara blokka sħiħa tal-injam li ġimgħa wara ġimgħa tieħu l-forma tagħha u ssir opra ta’ arti. Meta tlestew dawn, Grima beda jaħdem fuq il-gastri. Dawn huma l-erba vażuni li nsibu jżejnu l-Arkivju. Ta’ min jinnota l-bażi tagħhom b’forma ta’ arzella. Dawn inħaddmu kollha bl-idejn u l-isfida għall-iskultur kienet li jġibhom kollha eżatt bħal xulxin, sfida diffiċli li iżda ġiet mirbuħa bit-talent tal-artist. Flimkien mal-gastri, gew skolpiti wkoll iż-żewġ mensoli li jaqgħdu il-ġnub mal-għoli tal-parti tan-nofs. Dan ix-xogħol kollu tlesta f’ Marzu tal-2011. Meta tlesta dan ix-xogħol, Lawrence Grima ddeċieda li jaqbad mal-aktar parti diffiċli tal-iskultura: il-mazzetuni jew il-ward. Mhux warda jew tnejn kien jitlob id-disinn iżda aktar minn ħamsin warda. F’din l-istorja jrid jiġi osservat dan il-fatt - kemm kien diffiċli għal Lawrence Grima sabiex mill-injam ġewż joħrog dan il-ward. Qabel xejn ried jassigura li bħan-natura, ebda warda ma tkun bħall-oħra. It-tieni, dan il-ward kien jitlob skultura fina u delikata ħafna. Iz-zokk ried ikun proporzjonali għall-warda tiegħu u allura anki dan ried ikun fin ħafna. Dan ix-xogħol kien jirrikjedi ħafna pacenzja u ħsieb. Kienet l-aktar parti tal-iskultura li ħadet ħin, izda kien jiswa li wieħed jistenna. Wara kollox kif ingħad diġa, l-arti m’għandha qatt tkun idettata mill-ħin, iżda għanda titħalla fil-liberta`. Il-ħin li Lawrence Grima għamel fuq dan il-ward irid jitqies bħala r-rigal ta’ dan l-artist għall-fiduċja li ngħata lilu mill-Banda San Gużepp. Ix-xogħol li għamel l-iskultur fuq din il-parti u fuq il-parti li kien imiss, ma jistgħu qatt jigu kwantifikati f’termini finanzjarji. Anki l-ħafna Maltin, dilettanti ta’ din l-arti, li raw dan ix-xogħol jinħadem, ikkummentaw hekk b’dan il-mod. Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, dan ix-xogħol fuq il-ward kien wasal fit-tmiem tiegħu. L-ammirazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv lejn dan ix-xogħol kienet waħda kbira.

Għall-bidu ta’ Lulju 2011 kien sar tentattiv biex dan l-proġett ikun lest sal-festa ta’ dik is-sena, jigifieri prattikament xahar wara. Iżda għalkemm ix-xewqa ta’ ħafna kienet dik, fir-realta` dan kien impossibli li jseħħ. L-ewwelnett kien għad fadal l-aktar parti importanti għad trid tiġi skolpita u t-tieni, wara dik il-biċċa xogħol kbira tal-mazzettuni, l-iskultur kellu bżonn jieqaf ftit sakemm jerġa jibni fih l-ispirtu u r-rieda ħalli jaffronta l-aħħar parti b’mod li jagħtina aqwa minn dak li kien propost. Filfatt wara l-festa tal-2011, huwa beda jaħdem fuq il-arma tan-nofs, l-akbar biċċa skultura ta’ dan l-Arkivju. Ix-xoghol fuqha beda f’Ottubru u baqa sejjer għall-kważi disa’ xhur – sa Lulju tal-2012. Fuq din il-parti wkoll saru xi modifikazzjonijiet, l-aktar notevoli jkun l-inklużjoni ta’ puttin mal-kordi tal-arpa. Anki l-istess kordi tal-arpa kellhom l-isfidi tagħhom għax kien jeħtieġ li dawn jiġu skolpiti fl-istess blokka tal-injam u mhux maħdumim separatament u mpoġġija fil-post. L-ornament ta’ taħt l-arpa kellu jinżel għal fuq il-gwarniċ, u hawn Lawrence Grima għamel inklużjoni wkoll ta’ mazzettuni sabiex jikkumplimentaw dawk li saru fuq u fil-partijiet laterali. Fl-Lulju tal-2012 wkoll beda l-proċess tal-lostru. Dan il-Kumitat Eżekuttiv, fuq rakkomandazzjoni ta’ ħafna nies midħla f’dan il-qasam, kien ħa d-deċiżjoni li l-lostru ssir bit-teknika ta’ French polish jew kif inhu magħruf fil-malti “lostru bit-tajjara”. Dan hu l-proċess l-antik ta’ kif kienet issir l-għamara ħafna żmien ilu. Wara kollox hawn qegħdin nitkellmu fuq għamara barokka fuq stil antik u allura waħeda kienet titlob li l-lostru jsir b’dan il-mod.
 

 

Meta l-fażi tal-iskultura waslet kważi fit-tmiem, Joseph Tabone il-mastrudaxxa ta’ dan l-Arkivju, bl-għajnuna tal-bandist Charlie Xuereb, ħa ħsieb itella Malta l-partijiet kollha tal-Arkivju ħalli jibda l-proċess tal-lostru. L-għażla għal dan ix-xogħol awtomatikament waqgħet fuq l-aħwa tal-iskultur, Michael u John Grima, kemm minħabba li raw il-proċess tal-iskultura kollu u kemm għax inzertaw fost l-aħjar f’Malta għal dan ix-xogħol. Fil-fatt flimkien mal-Arkivju tagħna, ġol-maħżen tagħhom kien hemm ukoll il-bradella tal-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt lesta sabiex wara ir-restawr, jingħatalha lostru ġdid. Qabel ma beda dan ix-xogħol, kien meħtieg li l-Arkivju jerġa jintrama kollu ħalli jkun ċert li ma hemmx diffikultajiet. Wara dan beda l-proċess ta’ xkatlar u lostru b’teknika li titlob paċenzja kbira speċjalment fid-dettalji tal-iskultura. Ix-xogħol kollu tal-French polishing ħa aktar minn sitt gimgħat, b’dan iż-żewġ aħwa kontinwament jaħdmu fuqu. Waqt li kien għaddej dan il-proċess, Lawrence Grima kien qiegħed jagħti fl-aħħar partijiet tal-iskultura tiegħu. Filfatt l-aħħar biċċa xogħol li għamel kienet il-kuruna tar-rand li kellha ddawwar l-arpa. Din tlestiet fl-aħħar taLulju u ngħaqdet mal-kumplament tal-iskultura.
 

 

L-aħħar att ta’ din it-triq twila ta’ aktar minn sitt snin, kienet it-trasport lura lejn Għawdex ta’ dan l-Arkivju. Dan seħħ lejn nofs Awwissu, prattikament ftit jiem qabel l-inawgurazzjoni tiegħu. L-Arkivju Mużikali daħal għall-ewwel darba fid-dar tiegħu nhar is-17 ta’ Awwissu 2012. Il-mastrudaxxa Joseph Tabone flimkien ma’ masturdaxxa ieħor John Apap mix-Xewkija u bl-għajnuna ta’ diversi membri tas-Soċjeta’ tagħna ħadu ħsieb li jibnu mill-ġdid l-Arkivju u jitqiegħed f’postu darba għal dejjem. Wara dan kien imiss lil Lawrence Grima l-iskultur, fejn flimkien ma ħutu tella minn Malta l-iskultura kollha u din tqegħdet f’postha. Fl-aħħar l-arkivista Loreto Galea poġġa flimkien fl-arkivju l-libretti maħduma mill-bandist Anthony Galea u b’dan l-aħħar pass, dan il-proġett issa ġie komplut u lest għall-inawgurazzjoni tiegħu.

Iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni saret waqt programm mużikali u strumentali quddiem il-każin tal-Banda fejn matul il-kunċert indaqqu biċċiet mużikali minn Verdi, Strauss u il-famuża '1812' ta' Tchaikovsky. Is-serata spiċċat bil-'Radetzky March' sinkorniżżata man nar tal-ajru. Wara din is-seerata il-Kumitat Ċentrali flimkien mal-mistiedna distinti daħlu fil-każin sabiex isir il-ftuż tal-kamra tal-kumitat u l-kxif tal-Arkivju Mużikali. Dan sar mill-membri kollha tal-Kumitat li wara kollox kien bis-sażża tagħhom li din il-ħolma saret realta. It-tberik tal-kamra sar minn Fr Joe Cardona, id-direttur spiritwali tal-każin filwaqt li l-ARkivju Mużikali ġie mbierek minn Fr. Samuel Grech.

Kemm il-kamra tal-kumitat kif wkoll l-Arkivju Mużikali issa huma miftuħa għall-wiri tal-pubbliku.

 

 
 
 

© Copyright St. Joseph Band.                                    

 Home  |   Links  |   Contacts

 All Rights Reserved.